Tuesday 24 ta' December 2024

Merħba fis-sit elettroniku

tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi

Madwar kilometru ‘l isfel, fil-Punent tat-tempji ta’ Ħaġar Qim, fuq wesgħa kbira ċatta li tħares għal fuq l-irdumijiet u l-baħar ta’ taħtha, hemm grupp ieħor ta’ fdalijiet megalitiċi. L-ewwel darba li kienu skavati skont kif rakkuntat minn Mayr, kien fl-1840, imbagħad kienu reġgħu ġew eżaminati fl-1908. Dawn jikkonsistu fi tliet gruppi ta’ binjiet, fuq livelli differenti, independenti minn xulxin u anke mifrudin wieħed mill-ieħor permezz ta’ ħitan apposta.

Id-dħul ewlieni tal-iktar wieħed għoli, jħares għal ġox-Xlokk u jaqta’ skorra mal-ħajt ewlieni. L-ewwel spazju kif tidħol mid-daħla għandu għamla ovali, li fiha erbgħa u ħamsin pied tul. Il-ħitan huma mibnija bis-sengħa magħmula minn żewġ filati ta’ blat kbir mimdud in-naħa ta’ taħt fuq fuqhom hemm imqiegħda żewġ filati oħra ta’ ġebel kbir. F’din “il-kamra” ma hemmx niċeċ, iżda faċċata tad-daħla hemm żewġ daħliet magħmula minn ġebel kbir wieqaf li jista’ jkun li fihom kien hemm xi kolonni jew xi statwetti.

Il-ħitan tat-tieni spazju jew kamra, jixbħu ħafna lil dawk li ddesdrivejna fl-ewwel kamra. Faċċata tal-bieb tilmaħ daħla tawwalija li fiha hemm sitt ġebliet kbar mimdudin. Fil-ġnub hemm żewġ ħaġriet kbar weqfin li fuqhom hemm isserraħ ħaġra oħra kbira mimduda li fiha mal-għaxar piedi b’erbgħa. Lejn in-naħa tan-nofsinhar ta’ din il-kamra hemm daħla baxxa qisha tieqa, mirquma tajjeb ħafna, li tagħti għal niċċa li tinsab f’livell ibaxx. F’din in-niċċa hemm bħal artal mejda, magħmul minn ħaġra ċatta mimduda li qiegħda mserrħa fin-nofs tagħha minn taħt fuq pedestall ċilindriku.

Minn din il-binja wieħed jgħaddi għal-binja l-oħra iktar baxxa, li tmiss mal-ewwel waħda min-naħa tal-Lbiċ. Fuq quddiem ta’ din it-tieni binja hemm bħal wesgħa kbira bl-art magħmula minn ġebel ċatt bħaċ-ċangatura u hija mdawwra dawramejt b’ġebel kbir mimdud aktarx maħsub biex in-nies li jmorru jqimu l-allat ikollhom fejn jistrieħu bil-qiegħda. Hawnhekk il-ħitan tad-dawra huma magħmula minn blat kbir tal-qawwi mhux maħdum, materjal li jinstab abbundanti fil-xagħra fil-qrib. Fit-tempju ta’ Ħaġar Qim kienu użaw blat ieħor tal-ġebla tal-franka li huwa iktar artab.

Id-daħla ewlenija, magħmula minn ħaġar tassew kbir, hija msaqqfa permezz ta’ blata sħiha mimduda li fiha madwar għaxar piedu tul b’erba’ wisgħa u għandha l-art iċċangata bil-ġebel. Il-blat l-wieqaf li jservi ta’ koxox għal bibien fihom diversi toqob fil-kantunieri tagħhom li setgħu kienu jservu għal xi staneg jew għal xi ħbula għall-irbit. Minn din id-daħla wieħed jgħaddi għal wesgħa li fiha tul ta’ ‘l fuq minn ħamsa u erbgħin pied u wisgħa ta’ 23 pied. Lejn in-nofsinhar ta’ din il-wesgħa tonda hemm blata ta’ sitt piedi u nofs u mal-ħajt tax-xellug hemm daħla fil-ħajt li fiha hemm bħal artal mejda (trillithon). Din l-istruttura hija ħames piedi u żewġ pulzieri għolja mill-art bil-blata tal-wiċċ li fiha tul ta’ disgħa piedi u disgħa pulzieri.

Man-naħa tal-lemin tal-wisgħa tonda li hemm fuq it-Tramuntana, hemm dħul qisu tieqa li jagħti għal kamra triangulari li tinsab f’livell għola. Fin-naħa tan-nofsinhar ta’ din il-kamra hemm niċċa ħelwa li fiha hemm maħduma bħal struttura żgħira kwadra magħmula b’mod sabiħ minn ġebel ċatt u din qed isserraħ fuq qisu bħal pedestall maħruġ ftit ‘l barra, li huwa wkoll maħdum b’reqqa kbira. Jidher ċar li dan kien lok sagru għall-qima.

F’livell iktar ‘l isfel lejn in-naħa tal-Lvant hemm daħla li twasslek għall-kamra li tidher li kienet isservi għal qima speċjali. Il-ħaġar kbir tal-koxox u l-blata ta’ fuqhom huma maħduma b’reqqa impressjonanti u l-uċuħ tagħhom miksija b’ħofor żgħar mgħawra waħda ħdejn l-oħra bħal xehda għasel. Din hija kamra rettangolari u fiha niċċa man-naħa tat-Tramuntana, tan-Nofsinhar u man-naħa tal-Punent ukoll. Kull niċċa hija magħmula minn żewġ ġebliet weqfin b’oħra mimduda fuqhom, filwaqt li mejda artal li hemm fin-niċċa tal-Punent qiegħda sserraħ min-nofsha fuq kolonna.

Fl’ispazju ewlieni li hemm faċċata tad-daħla prinċipali, hemm passaġġ li huwa ċċangat bil-galbu ħafna u li jwasslek għal kamra rettangolari. Jidher li dan il-passaġġ xi darba kien miksi b’ġebel tawwali. Waħda minn dawn, li hija minfuda f’nofsha b’toqba tonda, issa tinsab mal-art fl-ispazju l-kbir. F’nofs il-passaġġ hemm ġebla oħra mtaqqba li forsi li kellha titwaqqaf tiġi pariġġ l-ġebla tal-koxxa eżistenti. Jista’ jkun li dawn it-toqob kienu jsiru biex iżommu xi għamla ta’ bieb.

Fil-kamra f’tarf il-passaġġ hemm niċċa rettangolari li fiha hemm mibni artal mejda bil-ħaġra l-mimduda tal-wiċċ li fiha tul ta’ għaxar piedi. Tmiss magħha hemm kamra oħra ftit iktar fl-għoli lejn il-Punent, imma din mhix magħmula bir-reqqa bħal tal-oħrajn. Fl-art tal-ħamrija ta’ din il-kamra, waqt l-iskavi, kienu instabu bħal rappreżentazzjonijiet tal-partijiet differenti tal-ġisem uman tal-fuħħar moħmi u għalhekk hu maħsub li din il-kamra kienet dedikati lil xi alla tal-fejqan.

Mill-kollezzjoni sabiħa tal-oġġetti li nstabu f’dan it-tempju u li issa tinsab għall-wiri fil-mużew nazzjonali tal-arkeoloġija, wieħed jista’ jgħid li n-nies tal-Imnajdra kienu ġejjin mill-istess ċiviltà tat-tempji ta’ Ħaġar Qim u tat-tempji t’Għawdex.

Kienet instabet ġebla żgħira skolpita fit-tempju ċentrali u huwa maħsub li din hija mudell ta’ kif kien ikun tempju msaqqaf.

Tgħid dawn it-tempji kienu msaqqfa xi darba? U jekk iva, x’ġara mill-istrutturi tan-naħa ta’ fuq tal-binjiet tat-tempji?

Tgħid dawn l-istrutturi kienu magħmula minn materjal magħġun bil-ħamrija li seta’ spiċċa mal-medda tas-snin? Dawn huma mistoqsijiet li għalissa ħadd ma għandu tweġiba għalihom.

It-tempji tal-Imnajdra jmorru lura għall-fażi tal-Ġgantija madwar 3600-1300 sena qabel Kristu.