Tuesday 24 ta' December 2024

Merħba fis-sit elettroniku

tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi

Il-Bjar tal-Misqa


Fil-quċċata tal-għolja fuq in-naħa tal-Punent tal-mogħdija li minn Ħaġar Qim tagħti għall-Imnajdra hemm post interessanti ħafna, li hu karatteristika oħra unika għar-raħal tal-Qrendi biss. Hawnhekk hemm wesgħa ċatta magħmula mill-ġebla tal-franka li siha hemm għadd ta’ bjar kbar li aktarx kienu imħaffrin min-nies ta’ zmien it-tempi neolitiċi biex jaħżnu l-ilma għall-ħtiġijiet tagħhom. Is-sit huwa magħruf bħal “Il-Misqa” kelma li ġejja mill-verb “seqa”, u għalhekk għandha x’taqsam mal-użu tal-ilma, bħal meta ngħidu “tisqi” jew “issaqqi”.

Il-bjar huma mħaffrin għamla ta’ qanpiena u huma magħqudin minn wieħed għall-ieħor permezz ta’ kanali mnaqqxin fil-wiċċ tal-blat biex kemm jista’ jkun ma jinħela xejn. Il-bokok tal-bjar kienu mgħottija b’kapittelli kbar ħafna tal-ġebel biex jipproteġuhom mill-ħmieġ, mis-serq, u mill-evaporazzjoni bis-sħana tax-xemx. Illum ħafna minn dawn il-kapitelli tkisser, jista’ jkun li ntefgħu għal isfel fihom stess. Imma għad baqa’ xi eżempji sbieħ f’kondizzjoni tajba fejn wieħed jista’ jara kif in-nies setgħu jtellgħu l-ilma minnhom bla periklu minn bokka żgħira maqtugħa fin-nofs tagħhom li tingħalaq b-għatu, qisu tapp kbir tal-ġebel.

Mhux il-bjar kollha huma tal-istess fond. L-ewwel wieħed li naraw huwa daqs metru fond u l-qiegħ tiegħu huma miksi laqx tal-ġebel u ħama. Biex wieħed ikejjel eżatt irid isir taħmil u tindif sewwa tal-materjal li hemm.

It-tieni bir għandu fetħa ta’ għamla ovali li fiha tul ta’ 3.4 metri u wisgħa ta’ 1.5 metri. Il-fetħa hija mikxufa għal kollox bla ebda għata ta’ xejn. Il-bir huwa fond mhux ħażin u għadu tajjeb biex iżomm l-ilma fih.

Ftit metri ‘l bogħod minn dan hemm sensiela ta’ tliet bjar oħra biswit xulxin, kull wieħed bil-karatteristiċi tiegħu. L-iktar wieħed spettakolari minn dawn it-tlieta huwa dak maħdum ‘l isfel max-xaqliba tal-blat li għandu fetħa b’tul ta’ 3.3 metri b’wisgħa ta’ 1.2 metri. Il-bir huwa mikxuf u fuq kull naħa tiegħu hemm bħal żewġt iħwat baxxi li fihom jinġabar l-ilma tax-xita biex imbagħad jinżel għal ġo dan il-bir minn żewġ kanali baxxi mnaqqxin fil-wiċċ tal-blat.

Ir-raba’ bir għandu fetħa ta’ għamla tonda b’dijametru ta’ 2.2 metri. Huwa mgħotti permezz ta’ tliet kapitelli ħaxnin għat-tul u fuq kull ġemb tagħhom hemm tlieta oħra iqsar iserrħu fuqhom permezz ta’ kument imħaffer fl-irjus tagħhom biex jingastaw tajjeb. Dawn il-kapitelli l-qosra wieħed seta’ jaqlagħhom biex itella’ l-ilma jew biex jinżel fil-bir bla periklu għal min ikun fuq. Il-bir għadu jżomm l-ilma.

Il-ħames wieħed għandu l-fetħa tiegħu ovali wkoll u fiha tul ta’ 2.3 metri u wisgħa ta’ 1.5 metri. Hemm x’juri li din il-fetħa kien mgħottija sew permezz ta’ erba’ kapitelli ġganteski li minnhom għad baqa’ wieħed biss f’postu u li għandu tul ta’ 1.8 metri. Minn fuq wieħed jista’ jara d-dawl taħt l-ilma li huwa ġej mill-bir ta’ maġembu, ftit metri l-bogħod, peress li ż-żewġt ibjar jinfdu ma’ xulxin. Dawn iż-żeġt ibjar jinfdu wkoll għat-tielet wieħed pemezz ta’ xaqq fil-blat u għalhekk il-levell tal-ilma tat-tlieta li huma jkun dejjem l-istess.

Fit-Tramuntana ta’ dawn il-bjar hemm tlieta oħra. Dawn it-tlett ibjar li huma mniffda permezz ta’ toqba kbira fil-blat ta’ bejniethom, huma mimlija ħamrija u ġebel u ma jżommux ilma. Jidhra ta’ għamla tixxiebaħ imma kull wieħed għandu fetħa partikolari għalih.

Wieħed minn dawn il-bjar, is-sitt wieħed, għandu fetħa b’dijametru ta’ 1.2 metri u huwa mgħotti permezz ta’ ġebla waħda biss ta’ daqs ikbar minn tal-bjar l-oħra. F’nofs din il-ġebla kbira hemm imħaffra toqba tonda li minnha wieħed jista’ jniżżel barmil biex itella’ l-ilma. Din it-toqba hija magħluqa b’tapp kbir tal-ġebel li jidħol fiha bħalma tapp tas-sufra jidħol fl-għonq tal-flixkun. Fuq kull naħa tal-fetħa hemm hemm ħawt baxx ta’ 15-il ċentimetru fid-daqs li fihom kien jinġabar l-ilma u minnu setgħu jixorbu wkoll xi bhejjem.

Is-seba’ bir mhu mgħotti b’xejn u ma fihx ilma. Huwa mimli bil-ġebel li nxteħet fih. Imma mad-dawra tal-fetħa tiegħu għandu sensiela intrikata ta’ kanali mnaqqxin f’wiċċ il-blata biex jidderieġu l-ilma għal ġo fih.

Ftit metri ‘l bogħod minn dawn it-tliet bjar hemm tina li jista’ jkun li qiegħda tikber fit-tmien bir peress li hu magħruf li t-tin iħobb jifrex l-għeruq lejn ikun hemm l-ilma u l-umdità. Dan il-post tal-Misqa kien magħruf u rrekorkjat fuq mappa tal-post li saret mis-Sur J.A. Galizia, supretendent tal-uffiċċju tax-xoġħolijiet pubbliċi, fil-25 ta’ Ottubru tal-1927.

Il-mod li bih tbaqqan il-blat biex tħaffru dawn il-bjar, kif ukoll il-kapitelli enormi li jgħattuhom, juru li dan kien xogħol il-bniedem ta’ żminijiet imbiegħda, aktarx taż-żmien neolitiku. Jekk inhu hekk allura wieħed jista’ jgħid li n-nies tat-tempji kienu ħasbuha tajjeb u għażlu post adattat ħafna fejn setgħu jiġbru u jaħżnu l-ilma tant meħtieġ għall-bżonnijiet tagħhom. Jekk din l-ipotesi tkun konfermata, wieħed jista’ jgħid li dawn il-bjar tħaffru bejn 3,600 u 1,500 sena qabel Kristu.