Wednesday 27 ta' November 2024

Merħba fis-sit elettroniku

tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi

Il-Kappella ta’ Santa Katarina Tat-Torba


Skont ma’ jgħidulna l-istoriċi, il-kappella ta’ Santa Katarina Tat-Torba nbniet fl-istess post fejn qabel kien hemm kappella oħra magħrufa bħala “Ta’ Bieb Iż-Żejtunija”. Il-kappella nbniet minn ċertu Benedittu Camilleri fl-1626. Fl-atti tan-Nutar Gio Duminku Gatt fl-14 ta’ Ġunju tal-1625, Benedittu ħalli l-benefiċċji minn ta’ Wied il-Ħafra a favur tal-kappella.

l-faċċata ta’ din il-kappella hija “maqsuma” fi tnejn permezz ta’ faxxa dekorattiva tal-ġebel. Il-parti ta’ fuq hija kważi simmettrika mal-parti t’isfel. Hemm żewġ twieqi, waħda fuq kull naħa tal-bieb prinċipali, li fuq il-ġebla tal-burdura tagħhom għandhom imnaqqax l-annu 1626.

Fuq il-bieb hemm bħal gallerija maħruġa kemmxejn ‘l barra fil-ġebel li tagħti dehra isbaħ lill-faċċata li hija kważi lixxa, u fl-istess ħin forsi tagħtiha dimensjoni spiritwali. Fuq nett tal-faċċata hemm salib tal-ġebel li qiegħed fuq pedestall li għandu pedestall skolpit. L-arkitettura tal-knisja xejn ma kienet komuni għal żmienha.

Il-kappella fiha altar wieħed biss, mgħolli ‘l fuq mill-art miksija biċ-ċangatura. Mill-aktar interessanti hija l-perspettiva skolpita fil-ġebel madwar l-altar, li tirrappreżenta anġli jerfgħu ‘l fuq l-inkwadru tat-titular ta’ Santa Katarina. Is-saqaf tal-kappella huwa għat-tond bil-ħnejjiet.

Jidher ċert li l-kappella l-ġdida ma nbnietx ġdida mill-qiegħ bħalma kien jingħad qabel mill-istoriċi, imma li din kienet estensjoni ta’ dik l-antika li ġa kien hemm qabel. Dan jidher ċar meta wieħed jidħol ġewwa u jħares lejn is-saqaf. Jidher li l-parti tas-saqaf lejn il-bieb ta’ barra huwa maħdum b’mod differenti mill-biċċa ta’ naħa ta’ ġewwa lejn l-altar. Għalhekk jaħsbu li l-kappella kienet imtawla ‘l barra għal fuq iz-zuntier li kien hemm qabel u mhux li nbniet ġdida għal kollox.
Jista’ jkun ukoll li l-altar kien imressaq ‘l quddiem mill-post oriġinali tiegħu biex b’hekk setgħu joħolqu bħal sagristija li hija mifruda mill-bqija tal-kappella permezz ta’ ħajt tal-ġebel għoli sular li fih fetħa jew bieb fuq kull naħa.

Fuq kull waħda minn dawn id-daħliet hemm skultura fil-ġebel bl-arma tal-familja li aktarx kienu nobbli benefatturi tal-kappella u li forsi kienu joqogħdu wkoll il-Qrendi fi żmien il-Kavallieri. It-titular ta’ Santa Katarina ma nafux meta sar. Fih, fin-naħa ta’ taħt, hemm dettall interessanti ta’ żewġ personaġġi ta’ 100 millimetru-il wieħed. Jista’ jkun li dawn il-personaġġi, mara u raġel, huma rappreżentazzjoni tal-benefatturi tax-xogħolijiet. Imma ma hemm l-ebda dokumenti biex jikkonfermaw dan.

Il-kappella ta’ Santa Katarina Tat-Torba, kienet ġiet restawrata fl-annu 2000, fi żmien il-Kappillan Ray Toledo, minn għadd kbir ta’ voluntiera, bħala parti mill-festi tal-Millejnu l-ġdid.