Friday 20 ta' December 2024

Merħba fis-sit elettroniku

tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi

Il-Kappella ta’ Sant’Anna


Il-kappella ta’ Sant’Anna nbniet fl-1565 minn Ġanni Schembri bħala wegħda wara li t-Torok attakkaw lil Malta fl-Assedju l-Kbir fl-istess sena.

Il-faċċata ta’ din il-kappella hi mżejna b’żewġ twieqi fuq il-ġnub tal-bieb prinċipali. Barra minn dawn it-twieqi, insibu tieqa oħra fuq nett tal-faċċata. Dawn it-twieqi jagħtu ħafna dawl naturali fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-kappella. Ma’ dawn hemm ukoll kampnar żgħir.

L-artal maġġuri hu dedikat lil Sant’Anna (omm il-Madonna). Barra minn hekk insibu wkoll żewġ altari żgħar fil-ġenb tal-artla maġġur. L-artal maġġur hu mżejjen bl-inkwatru ta’ Sant’Anna. Il-ventartal li hemm fil-kappella juri d-devozzjoni li kienet tgawdi din il-kappella. Insibu wkoll numru ta’ ikoni “Ex voto” li jkomplu jżidu mad-devozzjoni li kellhom in-nies lejn din il-kappella.

Fuq ġewwa tal-kappella fuq il-bieb prinċipali hemm il-gallerija tal-kor. Maż-żmien inbniet sagristija żgħira mal-ġenb tal-kappella.

F’din il-kappella nsibu statwa żgħira ta’ Sant’Anna u Marija maħduma mit-terrakotta. Din l-istatwa tinsab fuq pedestall u mhiiex ħaġa komuni li nsibu statwa bħal din f’kappelli bħal dawn. Din l-istatwa tpoġġi lill-kappella ta’ Sant’Anna ma’ quddiem nett ma’ kappelli oħrajn li nsibu f’Malta li huma ħafna ikbar minnha. Fil-kappella nsibu wkoll statwa ta’ Santu Rokku : il-qaddis li ħafna nies kienu jduru lejh fit-talb tagħhom fi żmien il-pesta.

Kemm l-istatwi ta’ Sant’Anna u ta’ Santu Rokku nsibuhom fi pjazez ewlenin fil-Qrendi stess. Dan juri d-devozzjoni tan-nies li kellhom lejn dawn iż-żewġ qaddisin.

Fl-atti notarili ta’ Ġiljan Briffa li jmorru lura lejn is-17 ta’ Settembru 1585 insibu li kien hemm diversi donazzjonijiet minn benefiċarji lejn din il-kappella. Il-kappella ġiet restawrata fl-1796 taħt it-titlu ta’ Sant’Anna. Il-kappella tbierket mill-Wisq Rev. Anton Mizzi u l-prokuratur Rev. Ġanni Borg. Il-kappella reġgħet ġiet restawrata għall-istat oriġinali tagħha fi żmien il-kappillan Fr Ray Toledo bħala parti mill-proġett tal-millenju li sar fil-parroċċa tal-Qrendi.