Wednesday 27 ta' November 2024

Merħba fis-sit elettroniku

tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi

Il-Kappella u l-Kripta ta’ San Mattew tal-Maqluba.


Huwa maħsub li l-iżgħar fost iż-żewġ kappelli li huma dedikati lill-Martirju ta’ San Mattew Appostlu u li tinsab sewwasew ma’ xifer il-ħofra tal-Maqluba, hija waħdam mill-eqdem kripti li jeżistu fuq dawn il-gżejjer.

San Matthew tal-Maqluba Chapel

Għalkemm wieħed ma jistax jgħid b’ċertezza meta nbniet din il-kripta li hija mwaħħda mal-kappella tas-seklu sbatax li hija ikbar minnha, madankollu wieħed ma jkunx żbaljat li jassumi li din inbniet qabel is-seklu ħmistax. Mill-banda l-oħra l-kripta ma kinitx inkluża fil-lista ta’ binjiet miġbura f’isem l-Isqof Senator de Mello minn erba’ kommissjonarji tal-Kapitlu tal-Kattidral li kienu: Matteo Zammit, Andrea de Turri, Nicola Lomardo u Antionio de Astis. Peress li din il-kripta ma kinitx tgawdi minn xi benefiċċju tħalliet barra mil-lista msemmija.

L-eżistenza ta’ din il-kripta insibuha dokumentata għall-ewwel darba minn Monsinjur Duzzina fir-rapport tal-vista pastorali li kien għamel fid-Djoċesi Maltija bejn l-1574 u l-1575. F’dan ir-rapport Mons. Duzzina jgħid li l-kripta kienet vojta u nieqsa mid-dekorazzjonijiet iżda li kellha dak kollu li kien meħtieġ biex setgħu jkunu ċċelebrati s-servizzi reliġjużi. Peress li ma kelliex rettur, il-kura tal-kappella kienet f’data f’idejn Nina Zammiet, armla mill-Imqabba. Din kienet ingħatat biċċa art u bħala tpattija kellha tiħu ħsieb li ta’ kull sena f’jum il-festa tal-qaddis jitkantaw il-vespri u tkun ċelebrata quddiesa.

San Matthew Crypt Stone

St. Matthew’s Crypt stone carved Altar Decorated with a scallop fresco

Il-ħajt ta’ barra tal- kripta ta’ “San Mattew iż-Żgħir” għalkemm bis-sinjali ċari taż-żmien li għadda minn fuqu, jinsab f’kundizzjoni tajba u huwa ta’ stil tipiku għal dawk iż-żminijiet bil- ħajt “denfil” jirfed il-ġenb ta’ wara. F’dan il-ħajt u fl-ieħor tan-naħa tal-Lvant hemm żewġ twieqi li aktar saru iktar tard peress li fil-kappelli Maltin qodma ma nsibux twieqi elaborati imma kien ikun hemm biss xi loġġ dejjaq jew xi toqba tonda fuq il-bieb ewlieni, bħal rewwieħa.

Il-faċċata tal-kripta hija lixxa u fiha hemm bieb kwadru bla ebda dekorazzjoni ta’ xejn. Minn ritratt tal-1934 jidher li fuq id-daħla kien hemm bħal kanpnar żgħir li llum huwa nieqes. Jista’ jkun li kien tneħħa għax ġarrab xi ħsara strutturali fit-tieni gwerra dinjija.

Fuq ġewwa l-kripta għandha għamla rettangolari u hemm artal wieħed u apside żgħira li hija dekorata b’affresk ta’ arzella li għadu jinsab f’kondizzjoni tajba. Dan is-simbolu tal-Kristjaneżmu jmur lura aktar għas-sbatax-il seklu jew iktar tard u narawh ukoll fil-katakombi nsara bikrin kif ukoll insibuh fl-oqbra Feniċi li kienu jeżistu fuq ir-riħ tal-Wied tal-Magħluq. (Illum dawn ġew mirduma taħt il-ħamrija minn sid il-għalqa!!)

L-altar huwa maħdem mill-ġebla tal-franka u fuq hemm imnaqqax l-annu 1897. Fuq in-nofs tiegħu, fuq pedestal tal-ġebla nsibu l-istatwa ta’ San Mattew, magħmula mill-fuħħar.

L-istoriku Abela kien ddesdriva l-art tal-kripta bħala magħmula minn ċangatura tal-franka mbajda bil-ġir b’taħlita ta’ madum tal-art. Jidher li bix-xogħolijiet li saru wara l-art oriġinali ma għadhiex tżisti u dik li hemm illum hija magħmula minn ċangatura moderna. Il-kripta ckienet biċċa sew meta minn ġo fiha bnew taraġ li jagħti għal San Mattew ta’ fuq u s-sagristija tiegħu.

Il-bini tal-kappella l-kbira ta’ San Mattew beda fl-1674 u tlesta fl-1682. Tbierket minn Dun Dumink Formosa li kien il-kappillan tal-parroċċa l-ġdida tal-Qrendi li flimkien mal-irħajjel ta’ Ħal Manin u Ħal Lew infirdu mill- parroċċa matriċi taż-Żurrieq.

Il-pittura ewlenija fil-kappella hija dedikata lill-martirju ta’ San Mattew Appostlu u hija attribwita lill-pittur ewlieni ta’ dak iż-żmien Gużeppi D’Arena li kien mill-iskola ta’ Mattia Preti. Jingħad li din kienet ikkommissjonata mill-kommendatur Franċiż Nicolò Communette.

Hemm diversi pitturi oħra li jsebbħu l-kappella fosthom dawk tal-Madonna tar-Rużarju u tat-Tlugħ is-Sema ta’ Marija.

Fis-sagristija tal-knisja parrokkjali tal-Qrendi ukoll hemm imdendel inkwadru bil-pittura tal-istess qaddis li sar minn artist mhux magħruf.

Il-kappella hija ddisinjata f’għamla rettangolari u minkejja d-daqs pjuttost kbir tagħha, fiha biss artal wieħed, dak maġġur. Hemm tliet daħliet għall-kappella; il-bieb il-kbir tal-faċċata u tnejn oħra, wieħed f’kull ġenb. Wara l-artal maġġur hemm żewġ biebien wieħed jagħti għall-kripta u l-ieħor għas-sagristija li kienet inbniet iktar riċenti. Il-Benefatturi Dun Mikiel Zammit u Dun Gio Anton Spiteri kienu ħarġu l-flus biex fl-1834 inbniet il-gallerija tal-orgni fuq id-dħul prinċipali.

Fit-12 ta’ April 1942 bomba tal-għadu ħabtet direttament fuq il-faċċata tal-kappella l-kbira ta’ San Mattew. Biex ma tkompliex issir ħsara strutturali lill-kappella u għas-sigurtà tan-nies iddeċidew li jsir intervent biex il-faċċata terġa tittella’ malajr.

The two chapels dedicated to San Mattew tal-Maqluba as they stood before sustaining War Damage in 1942

Ix-xogħol sar taħt is-superviżjoni tal-Engineer S.Privitera, A. & C.E. Is-salib tal-ġebel ta’ fuq nofs il-faċċata nbidel ma ieħor iżgħar u żdiedu żewġ kanpnari żgħar. It-tieq dekorattiva li kien hemm f’nofs il-faċċata wessagħuha u baxxewha ‘l isfel u b’hekk ġiet tagħti iktar dawl. Anke l-ġebel maħdum bil-lavur fuq il-bieb ewlieni nbidel. U jidher li saru xi nterventi fuq il-bibien tal-ġnub li ġew imsaħħa permezz ta’ ħnejjiet. Tneħħa wkoll taraġ magħmul minn ħarriġiet tal-ġebel ħerġin mill-ħajt tal-ġenb tal-Punent tal-kappella li minnu wieħed seta’ jibqa’ tiela għal fuq is-saqaf. Mal-ħajt tan-Nofsinhar jidher li kien hemm xi tentattiv biex jinfetaħ bieb li jista’ jkun kien ser jagħti għal xi kripta taħt l-art li kellha sservi għanijiet funerarji. Minn xhieda fotografika jidher li dan it-tentattiv kien sar għall-ħabta tal-1934.

Il-Komunità tal-Qrendi, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Millenju l-ġdid ħadet ħsieb li tirrestawra u ssebbaħ dawn l-imkejjen storiċi u uniċi fil-gżejjer Maltin. Il-pittura tal-martirju ta’ San Mattew Appostlu li kienet insterqet fl-1984 u nstabet ftit wara, ġiet ukoll restawrata u reġgħet tqiegħdet f’postha.

Bix-xogħol li sar fl-aħħar tal-1990 fis-sagristija biex jitjiebu l-faċilitajiet sanitarji u servizzi tal-kċina, ħafna nies u gruppi qed jagħżlu din il-kappella biex fiha jiltaqgħu fil-kwiet għall-irtiri spiritwali.

Fl-2013 tlesta tisbieħ kbir ieħor fil-pjazza tal-Maqluba permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-proġett Malta Goes Rural. Minħabba f’hekk San Mattew tal-Maqluba sar post popolari ħafna ma’ dawk il-koppji li jridu jagħtu laqta iktar speċjali lill-Jum Speċjali tagħhom.

Iċ-ċerimonji tar-rabta jsiru fil-kappella l-kbira u wara jsir l-ors fil-wisgħa tal-pjazza ta’ San Mattew li sarilha wiċċ ġdid.