Wednesday 27 ta' November 2024

Merħba fis-sit elettroniku

tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi

Il-Kappella tas-Salvatur


Fid-9 ta’ Frar 1575, Monsinjur Pietru Duzzina żar il-kappelli kollha fil-Qrendi. Dak iż-żmien kien hawn 44 dar fir-raħal kollu. L-ewwel żjara tal-Monsinjur kienet fil-kappella Tas-Salvatur. Din il-kappella kellha biss altar wieħed u kienet nieqsa minn kull xorta ta’ tiżjin. Dan minħabba li l-kappella ma kellha l-ebda dħul finanzjarju. Madankollu Vincentius Aquilina, li kien sid ta’ xi artijiet magħrufin bħala “Il-Ċalċarti”, kien iħallas għall-quddies u għall-kant tal-vespri fil-festa Tas-Salvatur.

Il-kappella kif inhi llum inbniet fl-1658. L-ispejjeż tħallsu minn Beneditt Camilleri. Il-kappella nbniet fuq l-istess post tal-kappella l-antika u baqgħet iġġib l-istess isem. Il-benefattur ta’ din il-kappella l-ġdida kien Dun Ġalanton Camilleri li iktar tard inħatar Arċipriet tal-“Matriċi” f’Għawdex. Dan l-arċipriet ħalla biżżejjed flus għall-quddies u l-kant tal-vespri għal jum il-festa. Wara Dun Ġalanton, il-benefatturi kienu jkunu l-ixjeħ qassis fir-raħal jew xi qraba ta’ xi qassis li jkun laħaq fis-saċerdozju (skont il-każ).

Il-kappella għandha altar wieħed. L-unika pittura kienet f’għamla ovali. Din il-pittura kienet turi l-parti ta’ fuq tal-ġisem ta’ Kristu s-Salvatur li b’idejh kien iħares id-dinja. Taħt din il-pittura l-Isqof Labini (li laħaq Isqof fl-1780 sa l-1807) ta erbgħin ġurnata ta’ indulġenza lil dawk li jitolbu l-“Missierna” quddiem l-inkwatru. Sfortunatament din il-pittura ma nafux fejn tinsab.

Kif persuna tidħol mill-bieb prinċipali tal-kappella tara gallarija mibnija bil-ġebel. Din il-gallerija nbniet fl-1876. Minħabba li l-kappella hi żgħira, persuna trid tuża sellum tal-injam biex titla’ fil-gallarija. Fuq wara tal-kappella hemm taraġ mibni ġol-ħajt, magħruf aħjar bħala kurbelli. Dan it-taraġ jibda mil-livell tat-triq u jwassal sal-bejt tal-kappella u kien jintuża biex isiru xogħlijiet fuq l-istess bejt.

Fis-sittinijiet (1960’s), din il-kappella ntużat bħala sala parrokkjali u ntużat ukoll għal-laqgħat reliġjużi, għat-tagħlim reliġjuż u kienet tintuża għal xi attivitajiet oħrajn.

Żgur li din il-kappella tibqa’ mfakkar għan-nies li kienu joqogħdu bil-qiegħda fuq it-taraġ tagħha, billi madwar din il-kappella kien hemm it-terminus tal-karozzi tal-linja. Barra minn hekk ħafna fittxew id-dell tagħha fil-ġrnaet sħan tas-sajf.

Fl-1999 il-kappella ġiet restawrata għas-sbuħija oriġinali tagħha. Illum il-kappella tintuża bħala post fejn matul il-ġurnata ssir l-adorazzjoni lejn Ġesu` Sagramentat.