Tuesday 24 ta' December 2024

Merħba fis-sit elettroniku

tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi

ID-DOLMEN TA’ “MISRAĦ is-SINJURA”


Fit-triq li mill-Qrendi tagħti għas-Siġġiewi u li tgħaddi minn quddiem impjant tal-konkos li qiegħed biswit barriera mitluqa, hemm wieħed mill-isbaħ Delmen tal-gżejjer Maltin. Ftit huma dawk li jafu bil-post fejn qiegħed dan id-Dolmen u ftit inqas jafu x’inhu dolmen u għalxiex kien iservi.

Dolmen huwa monument preistoriku magħmul minn ħaġra kbira ċatta mimduda (orizzontali) li tkun mqiegħda jew isserraħ fuq numru ta’ ġebel iżgħar weqfin. Dawn tal-aħħar iżżommu fuqhom il-ħaġra l-kbira li tista’ tkun tal-ġebla franka (globiġerina) jew tal-qawwi (korallina) u b’hekk jiffurmaw għamla ta’ mejda.

L-ebda ġebla mid-dolmen ma tkun maħduma ħlief għal xi marki fuq il-wiċċ. Dawn il-marki jistgħu jkunu bħall-kanali dritti jew ħofor baxxi. Il-kmajra li tifforma taħt id-dolmen ġieli tkun imkabbra iktar billi wieħed iħaffer fil-blat taħt il-ħaġra l-mimduda. Huwa maħsub li l-għan ewlieni ta’ dawn il-momunenti kien dak funerarju, u jaħsbu li dawn inbnew min-nies ta’ Żmien il-Bronż, fi’ żmien Il-kurtura tad-dfin tat-Tempji ta’ ĦaL Tarxien (2500-1500 Q.K.)

Id-dolmen ta’ Misraħ is-Sinjura (magħruf ukoll bħala Il-Ħaġra L-Imsaqqfa) huwa l-ikbar l-ikbar wieħed fil-gżejjer Maltin u għandu l-ħaġra ta’ fuq, il-mimduda, fiha kobor ta’ 4.40 bi 3.80 metri. Aktarx li hemmx xi ġebel minn ta’ dan id-dolmen li kien miżjud wara. Fil-ħajt li jdawwar id-dolmen hemm d-daħla għall-kamra ta’ taħtu.

Il-marki fuq il-wiċċ tal-ħaġra l-mimduda li jikkonsistu f’kanal baxx li jdur matul tliett iġnub minnha u hemm ukoll ħofra għamla ta’ nofs sfera fil-kanturiera n-naħa tal-Majjistral (N-W) tal-ħaġra. Dawn il-marki huma tipiċi tad-dolmnijiet l-oħra li jinsabu mxerrda madwar il-gżira.

Matul iż-żmien fuq wiċċ il-ħaġra l-kbira l-mimduda, bnew gorboġ (hut) għall-ewwel mill-ġebel tas-sejjieħ u warajh bnew ieħor bil-kantun, u sar ukoll taraġ li jagħti għal fuqha. Jista’ jkun li dan il-gorboġ kien jgħassu minnu, jew iżommu l-għodda jew jistkennu fih dawk il-ħaddiema tal-barriera li kien hemm fil-qrib.

Il-dolmen jinsab fuq art tal-privat.