Tuesday 24 ta' December 2024

Merħba fis-sit elettroniku

tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi

L-Għerien bl-Għadam fil-Magħlaq


Fl-1858 il-gvern Ingliż ħass il-ħtieġa li jibni baċir ġdid. Riedu jsibu ġebel adattat tal-qawwi u għal dan il-għan iddeċidew li jiftħu barriera qrib il-fdalijiet tal-Feniċi fl-inħawi tal-Qrendi. Waqt din l-attività nstabu għar li kien fih fdalijiet tal-għadam tal-ippoppotamu u annimali oħra. Mr.Horner ta’ rapport ta’ din is-sejba fid-diskors presidenzjali tiegħu lill-Għaqda tal-Ġeoloġija fl-1861 u beda jirreferi għal din il-barriera u l-għar bħala tal-Qrendi.

Wara l-mewt ta’ Mr.Horner inħatar Dr.LeithAdams M.B., F.G.S., li kien wasal Malta sentejn wara li saret l-ewwel s-sejba, biex ikompli jinvestiga dan il-fdalijiet interessanti. Bil-ħidma tiegħu rnexxilu jsib iktar fdalijiet simili u jsir jaf dwar l-istorja tal-għar minn fomm il-ħaddiema tal-barriera stess. Matul l-ħidma tiegħu sab iktar għerien bil-fdalijiet li kienu wkoll investigati.

F’Malta nstab għadd ta’ għadam ta’ annimali estinti u ħafna paleontoloġisti ġew hawn biex jistujawhom. Fost l-aktar magħrufa f’dan il-qasam insibu lil Spratt, Busk, Parker, Falconier, Leith-Adams, Issel, Caruana, Cook, u Tagliaferro. L-ismijiet ta’ dawn in-nies jibqgħu dejjem marbuta mal-paleontoloġija tal Malta.

L-għadam li nstab kien tal-iljunfanti, taċ-ċinji, u tal-ippoppotamu u l-ebda wieħed minn dawn ma seta’ jgħix mingħajr ma jkun hemm abbundanza ta’ ħaxix u għadajjar kbar tal-ilma. Skont il-Profs. Hull u oħrajn bħalu, xi darba l-Baħar Mediterran kien hemm ħafna għadajjar tal-ilma ħelu li kienu jinfdu minn waħda għall-oħra u kien hemm bħal mogħdijiet bejn l-Ewropa u l-Afrika lejn il-fliegu ta’ Ġibiltà, dak ta’ Sqallija, Malta u l-Eġittu. B’hekk dawn it-tip ta’ annimali kbar (pachyderms u ruminants) setgħu jaqsmu ‘l isfel lejn l-Afrika fi żmien il-glaċjazzjoni tal-Ewropa.

Il-fdalijiet ta’ dawk l-annimali li nqabdu fuq l-art Matija, matul iż-żminijiet kienu mġarrin mill-ilma għal ġox-xquq u l-għerien u permezz tal-ilma u l-ħamrija kienu fossilizzati. Għalhekk meta kixfuhom instabu tista’ tgħid f’kundizzjoni perfetta.

L-Għar tal-Magħlaq numru 3 instab fl-1858. Dan kien jikkonsisti d’daħla twila orizontali fejn kien hemm fdalijiet tal-ippoppotamu (Hippopotamus pentiandi) u nejba waħda tal-inljunfanti. Għalkemm ħafna mill-għadam fossilizzat kien miksur, imma dak tal-Hippopotamus pentiandi u l-Hippopotamus mintus kienu f’kondizzjoni perfetta. Fl-istess għar instabu wkoll l-fdalijiet tal-Myoxus melitensis, għadam tal-għasafar u qxur sħaħ tal-bebbux tal-art.

Fl-1863 Dr.Leith Adams skopra l-għar imsejjaħ Mnajdra Gap Cave No.6 li kien ftit metri biss bogħod minn għar nr. 3. F’dan il-għar instabu biċċiet kbar (kważi skeletri sħaħ) ta’ iljunfanti flimkien ma għadd ta’ għadam tal-Myoxus melitensis u ta’ għasafar kbar tal-baħar bħaċ-Cygnus falconeri. Instabu wkoll biċċiet mill-fdalijiet taċ-chelonians u qxur tal-bebbux tal-art bħal Helix, clausilia u bulinus.

Fl-għar tan-nofs nr.5 li kien jinstab ftit metri l-bogħod mill-għar nr.3 instabu fdalijiet tal-Myoxus melitensis flimkien ma għadd ta’ snien tal-arvicola, minbarra li nstab ukoll għadam tal-għasafar kbar, żrinġijiet żgħar u qxur tal-bebbux.

Fir-rapport tal-1863 Dr.Adams jgħid ukoll li nstabu fdalijiet tal-ikbar iljunfant. Il-fdalijiet instabu fl-għar “Magħlaq Fault Nr.7” u kienu dawk tar-ras li kienet imfarrka ħafna u n-nejbiet.

Fl-1865 reġa’ tkompli x-xogħol fuq l-Imdajdra Gap Cave li ma kienx komplut qabel. Din il-parti tal-għar kienet twila iktar minn 30 metru u wiesgħa minn erba’ sa’ ħmistax-il metru u kienet mirduma taħt il-blat u stalattiti. Hawn matul l-għar kollu instab għadd ikbar ta’ għadam fossilzzat f’kundizzjoniji tajba: fdalijiet ta’ snien u nbjieb tal-iljunfanti, fdalijiet tal-ġurdien il-kbir u qxur tal-bebbux.

Instabu fdalijiet tal-għasafar mhux f’dan l-għar biss imma fl-għerien kollha. Fosthom kien hemm għadam tal-gwienaħ u tas-saqajn ta’ tajr kbir tal-priża u ħafna għadam ta’ tajr ieħor tal-baħar bħal tal-għasfur ġgantesk Grallae u Anseres. Instabu wkoll ħafna fdalijiet ta’ rjus u partijiet oħra ta’ fekruna kbira.