Tuesday 24 ta' December 2024

Merħba fis-sit elettroniku

tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi

Oqbra Feniċi fil-Magħlaq


L-oqbra Feniċi tal-Magħlaq huma oqbra msaqqfa bl-arkati maqtugħin fil-blat li jinsabu preservati ferm tajjeb. Huma jinsabu fil-wied tal-Magħlaq, madwar kwart ta’ mil ’il bogħod fil-majjistral tat-tempji tal-Imnajdra, fis-sit li magħruf bħala l- Ħabel l-Abjad.

L-oqbra kienu esplorati l-ewwel darba minn Dr. L. Adams u l-isqof Errington fl-1865 u dokumentati fl-1893.

Arkata żgħira tagħti għal gallerija subterranja mqatta’ fil-blat, filwaqt li oħra tagħti għall-kamra oħra separata fit-tond. Fuq l-entratura wieħed isib ħofra ovali li għadha mgħottija parzjalment f’siment aħmar li probabbli kieneet maħsuba li sservi ta’ mejda zghira. Dan l-għar sempliċi kien mgħammar b’żewġ ħofriet forma ta’ qabar fl-art, li fihom jilqgħu żewġ kadavri.

Fl-entratura l-oħra, wieħed isib erba’ tarġiet li jieħduh f’gallerija, li fil-ġnub tagħha mqatta għerien li jservu ta’ oqbra għall-żewġ kadavri kull wieħed. Dawn huma ndikati mill-ħofriet aktar fondi fit-truf li kienu jservu sabiex jżommu r-ras tal-kadavru. Fil-ġnub ta’ dawn il-gallerija wieħed isib diversi ħofor li fihom kienu jitpoġġew il-lampi.

Ġebla li kienet tidħol fiċ-ċaċċis tal-bieb kienet tagħlaq kull għar. Aktar tard instabu ħoloq li juru li kienu jintużaw bars biex jissiġillaw il-ġebla. L-arkata fuq il-fetħa ta’ uħud mill-għerien kienet msebbħa b’raġġi ħerġin minn ċentru qishom dawk ta’ arzella.

Ma ssib l-ebda simboli Kristjani f’dawn il-katakombi żgħar li allura anke jekk l-oriġini tagħhom tmur għall-era li fiha l-Kristjaneżmu kien introdott f’pajjiżna, dawn huma strettament pagani.

Id-distrett kollu, sal-għolja tal-Mnajdra, huwa magħruf bħala Qasam il-Ħofor. L-isem ġej mill-għadd ta’ għerien ta’ żmien il-feniċi li jeżistu fil-madwar.

Fil-viċinanza ta’ dawn l-oqbra fl-għerien wieħed isib ħofor ovali, separati mill-ħofor sotterranji prinċipali b’ħajt tal-ġebel ta’ madwar 15-il ċentimetru fi ħxuna. Intant ħofra b’ċaċċis għall-ġebla li tagħlaq, tgħin sabiex isir komunikazzjoni bejn waħda u oħra.

Dawn id-daħliet jgħalqu il-kavita ġenerali, u kien maħsub li kienu jintużaw bħala niccec għall-qima waqt il-funeral, jew inkella bħala postijiet fejn isiru l-offerti voto mingħand il-qraba u ħbieb tal-mejjet setgħu jkunu preservati.

Id-dehra ta’ dawn is-sepulkri jew shrines turi d-dettal li bih saru dawn l-oqbra.

Id-dħul għall-oqbra Feniċi maqtugħa fil-ġebel li jinsabu f’Qasam il-Ħofor l/o Magħlaq, Qrendi

L-entratura għall-għar f’forma ta’ ċirku li fih issib żewġ ħofriet forma ta’ tebut għal żewġ katavri fl-istess qabar.

Ġebla li tidħol fiċ-ċaċċis li tintuża sabiex tingħalaq kull ħofra.

Il-preżenza Feniċi f’Malta damet bejn l-1,200 u l-1,000 qabel Kristu li jagħmel lil oqbra tal-Magħlaq, l-aktar monumenti antiki fil-Qrendi wara dawk ta’ oriġini Neolitika, iġifieri l-Imnadjra, Ħaġar Qim, it-tankijiet tal-Misqa u d-Dolmen ta’ Misraħ is-Sinjura.

Bosta storiċi interpretaw ir-referiment tat-tifsira tal-motto tal-Qrendi għall-binjiet Feniċi li jinsabu fil-viċinanzi. Possibilment dawn l-kittieba kienu qed jirreferu għat-Tempji neolitiċi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra li qabel kienu maħsuba li kellhom oriġini Feniċa. Jista’ jkun li l-oqbra Feniċi tal-Magħlaq kienu l-vera binjiet feniċi li kien qed jirreferi għalihom il-motto tal-Qrendi?

TYRIUM DIRUTAS SERVO MOLES

(“ Conserve the Buildings of the Phoenicians - Inhares il-Bini tal-Fenici”)